Repubblika tilqa’ l-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea tal-2026 dwar is-Saltna tad-Dritt f’Malta, li jagħti stampa serja u realistika tal-istat tal-istituzzjonijiet tagħna. Altru milli jikkonferma l-fanfarri ripetuti tal-Gvern li l-kriżi tas-saltna tad-dritt intemmet, ir-rapport jikkonferma li ħafna mid-dgħufijiet strutturali identifikati f’dawn l-aħħar snin għadhom ma ġewx indirizzati, filwaqt li l-progress f’oqsma kruċjali kien limitat, parzjali jew ma seħħ qatt.
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ċari. Malta għad trid issaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura fil-proċess tal-ħatra tal-Prim Imħallef, għad trid ittejjeb l-effiċjenza tal-qrati, għad trid tikseb rekord kredibbli ta’ sentenzi finali f’każijiet ta’ korruzzjoni fil-livelli għolja, għad trid tipprovdi protezzjoni adegwata lill-ġurnalisti, għad trid iddaħħal qafas xieraq għall-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess leġiżlattiv, u għad trid toħloq Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem li tkun tassew indipendenti.
Dawn mhumiex nuqqasijiet tekniċi. Jikkonċernaw is-salvagwardji fundamentali li jiżguraw li l-poter pubbliku jitħaddem skont il-liġi u mhux skont il-konvenjenza politika.
Aktar inkwetanti huwa l-fatt li l-Kummissjoni terġa’ u terġa’ tinnota li r-riformi qed jibqgħu jitfasslu mingħajr djalogu mas-soċjetà ċivili Maltija. Matul ir-rapport kollu, il-Kummissjoni tirreġistra t-tħassib espress minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u minn organizzazzjonijiet tal-professjonijiet, filwaqt li tindika r-riluttanza persistenti tal-Gvern li jidħol fi djalogu miftuħ u strutturat li riforma kostituzzjonali serja tkun teħtieġ. In-nuqqas ta’ konsultazzjoni mhux xi episodju iżolat iżda karatteristika tal-mod kif qed titmexxa l-governanza, b’detriment kemm għall-kwalità kif ukoll għall-leġittimità tar-riformi li jsiru.
Repubblika jiddispjaċiha li, minkejja l-appelli u l-istediniet ripetuti tagħna matul dawn l-aħħar snin, il-Gvern baqa’ jagħżel li ma jidħol f’ebda diskussjoni sostantiva magħna dwar ir-riforma kostituzzjonali, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, dwar l-indipendenza tal-ġudikatura, dwar il-libertà tal-midja jew dwar ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet. Demokrazija ma tistax tiġġedded jekk min imexxiha jirrifjuta li jisma’ ilħna indipendenti.
Ir-rwol tagħna qatt ma kien sempliċement li nikkritikaw. Repubblika teżisti biex tiddefendi s-saltna tad-dritt billi tidentifika d-dgħufijiet istituzzjonali, tikxef il-fallimenti fejn iseħħu, u tipproponi riformi konkreti li jsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi. Matul dan iċ-ċiklu ta’ rappurtar, bħalma għamilna fis-snin ta’ qabel, ippreżentajna proposti dettaljati, analiżi legali u evidenza lill-Kummissjoni Ewropea, mhux għax infittxu li Malta tiġi kkritikata, iżda għax irridu narawha titjieb.
Għalhekk inġeddu l-istedina tagħna lill-Gvern biex jibda djalogu ġenwin mas-soċjetà ċivili. Ir-riforma kostituzzjonali ma tistax tirnexxi jekk tibqa’ titqies bħala sensiela ta’ eżerċizzji leġiżlattivi iżolati, imfassla wara bibien magħluqa. Teħtieġ trasparenza, fiduċja u impenn komuni biex nibnu istituzzjonijiet li jibqgħu sodi lil hinn minn kull Gvern partikolari.
Malta jistħoqqilha istituzzjonijiet kapaċi jirreżistu l-pressjoni politika, jipproteġu d-drittijiet fundamentali u jżommu lil min għandu l-poter responsabbli għal għemilu. Jistħoqqilha sistema tal-ġustizzja li tkun effettiva daqskemm hi indipendenti, amministrazzjoni pubblika mmexxija b’integrità u mhux bil-patroċinju politiku, u Stat kapaċi jaffaċċja l-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-poter minflok jidher impotenti quddiemha.
Repubblika tibqa’ lesta tagħti kontribut kostruttiv għal dan il-għan. Aħna lesti naħdmu ma’ kull Gvern li jkun lest jidħol fi djalogu serju biex isaħħaħ is-saltna tad-dritt, iġedded l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna u jgħin lil Malta toħroġ minn dan il-perjodu twil ta’ fraġilità istituzzjonali, ostilità lejn ir-responsabbiltà pubblika u dgħufija persistenti quddiem il-gran-korruzzjoni fl-ogħla karigi tal-Istat.
Ir-Rapport dwar is-Saltna tad-Dritt mhuwiex kundanna ta’ Malta. Huwa opportunità. Jekk din l-opportunità tintużax jew le issa jiddependi minn jekk il-Gvern huwiex lest, fl-aħħar, jieqaf jinċensa lilu nnifsu u jimpenja ruħu għal riforma ġenwina.