Is-saltna tad-dritt trid li l-liġi tapplika għal kulħadd bl-istess mod. Dan il-prinċipju jitlef kull tifsira jekk min jikser il-liġi jkun jista’ jkompli jgawdi mill-vantaġġ li jkun kiseb meta kisirha.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tissanzjona żvilupp f’Manoel Island li beda u tlesta mingħajr il-permessi meħtieġa tibgħat messaġġ perikoluż: li l-liġi tista’ tinkiser, u jekk wara jkun hemm il-permess, il-ksur jiġi regolarizzat bi ħlas ta’ multa.

Il-multi għandhom l-iskop li jiskoraġġixxu l-illegalità, mhux li jsiru parti mill-ispiża normali ta’ proġett kummerċjali. Meta l-benefiċċju miksub mill-iżvilupp illegali jkun akbar mill-konsegwenza tal-ksur, il-liġi titlef il-forza tagħha u l-konformità ssir żvantaġġ għal min jobdi r-regoli.

L-Awtorità tal-Ippjanar teżisti biex tinforza l-liġi, mhux biex toħloq sistema fejn min jieħu r-riskju li jibni illegalment jispiċċa f’pożizzjoni aħjar minn min jistenna l-permessi kollha qabel jibda x-xogħol.

Din mhijiex kwistjoni dwar favur jew kontra żvilupp partikolari. Hija kwistjoni ta’ governanza tajba u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi. F’pajjiż li jrid jemmen fis-saltna tad-dritt, l-osservanza tal-liġi trid tiġi qabel il-konvenjenza amministrattiva.

Repubblika tappella biex il-Gvern u l-awtoritajiet jieqfu jħallu l-illegalità tinbidel f’fatt kompjut u jiżguraw li l-infurzar tal-liġi jkun kredibbli, konsistenti u ugwali għal kulħadd.