Repubblika tilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Abbozz ta’ Liġi li jistabbilixxi l-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza.
Għal snin sħaħ Malta baqgħet fost il-ftit pajjiżi Ewropej li ma kellhomx Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem skont il-Prinċipji ta’ Pariġi, minkejja rakkomandazzjonijiet ripetuti minn istituzzjonijiet internazzjonali u mir-Rapporti Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Saltna tad-Dritt li baqgħu jiġu injorati. Għaldaqstant, huwa pożittiv li l-Gvern fl-aħħar qed jagħraf il-ħtieġa li din il-lakuna fil-qafas kostituzzjonali ta’ pajjiżna timtela.
Madankollu, jiddispjaċina li għal darb’oħra l-Gvern għażel li jressaq quddiem il-Parlament Abbozz ta’ Liġi ta’ importanza kostituzzjonali mingħajr ma qabel fetaħ konsultazzjoni pubblika serja u sinifikanti.
It-twaqqif ta’ Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkonċerna l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna f’Malta. Kien għalhekk mistenni li din ir-riforma titfassal permezz ta’ djalogu miftuħ mas-soċjetà ċivili, ma’ istituzzjonijiet kostituzzjonali indipendenti u ma’ esperti fil-qasam. Minflok, il-Gvern għal darb’oħra ppreżenta lill-Parlament test lest mingħajr ma involva lil dawk li ilhom snin jitolbu dawn ir-riformi.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ilhom isejħu għat-twaqqif ta’ Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem. L-Ombudsman ukoll kien ippreżenta proposta konkreta dwar kif din l-istituzzjoni tista’ titwaqqaf. Sa fejn jidher, dan ix-xogħol kollu ġie injorat. Dan mhuwiex il-mod kif għandhom isiru r-riformi kostituzzjonali f’demokrazija matura.
Repubblika hija wkoll imħassba li l-mekkaniżmu propost għall-ħatra tal-Kummissarju u tal-membri tal-Kummissjoni ma jiggarantixxix biżżejjed l-indipendenza tagħhom mill-eżekuttiv.
Għalkemm l-Abbozz ta’ Liġi jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tkun indipendenti, il-proċeduri tal-ħatra jkomplu xejra li rajna f’istituzzjonijiet oħra fejn il-Gvern iżomm influwenza sostanzjali fuq il-kompożizzjoni ta’ korpi li proprju għandhom iservu biex jgħassu fuq il-Gvern. L-indipendenza ma tinkisibx billi jsir ħafna diskors dikjaratorju fil-liġi li ma jista’ jinfurzah ħadd. Tinkiseb billi jinħolqu proċeduri ta’ ħatra li jagħtu fiduċja lill-pubbliku u jiżguraw li dawk li jiddefendu d-drittijiet fundamentali ma jkunux meqjusa bħala dipendenti fuq il-poter politiku.
Wieħed ma jistax ma jistaqsix: il-Gvern għaliex jibqa’ jirreżisti sistemi ta’ ħatra li jqiegħdu tassew lill-istituzzjonijiet indipendenti lil hinn mill-kontroll tal-eżekuttiv? Minn xiex qed jibża’?
L-Abbozz ta’ Liġi jista’ jissaħħaħ ukoll billi jipprovdi mekkaniżmi aktar effettivi biex jiżgura rappreżentanza pluralistika fi ħdan il-Kummissjoni, jissaħħaħ l-iskrutinju parlamentari tax-xogħol tagħha, u jiġu garantiti r-riżorsi u s-salvagwardji meħtieġa biex il-mandat usa’ tagħha fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem ma jispiċċax jinbaram mill-funzjonijiet importanti tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza.
Malta għandha bżonn Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem li mhux biss tissodisfa formalment il-Prinċipji ta’ Pariġi, iżda li fil-prattika tgawdi l-fiduċja taċ-ċittadini, tas-soċjetà ċivili u tal-komunità internazzjonali.
Repubblika għalhekk tappella lill-Gvern biex il-proċess parlamentari li issa beda, ikun akkumpanjat minn konsultazzjoni pubblika miftuħa u sinifikanti. Din għandha tinkludi djalogu dirett u kostruttiv mal-Ministri responsabbli sabiex il-liġi finali ma tkunx sempliċement formalità oħra biex Malta twieġeb għal rakkomandazzjonijiet internazzjonali, iżda riforma li tassew issaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Nappellaw ukoll lill-Kumitat Parlamentari li ser jeżamina dan l-Abbozz ta’ Liġi biex jisma’ x-xhieda dettaljata tal-Ombudsman, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-professjonijiet legali u ta’ esperti indipendenti qabel il-Parlament jikkonkludi l-eżami tiegħu tal-Abbozz ta’ Liġi. Riforma ta’ din il-portata tixraqilha l-ogħla livell ta’ trasparenza, parteċipazzjoni u kunsens nazzjonali.